SOĊJETÀ FILARMONIKA SANTA MARIJA
ŻEBBUĠ, GĦAWDEX
EST. 1995
SKOLA PRIMARJA
L-ISKOLA TAĊ-ĊNUS... 50 SENA ĦIDMA!

Ftit ġranet oħra, preċiżament nhar is-6 ta’April, l-iskola primarja tal-Gvern “Skola Mons. Andrea Vella” se jkun ilha nofs seklu miftuħa u kif inhu xieraq ser tkun qed tiċċelebra dan “l-anniversarju tad-deheb” nhar it-Tnejn 28 ta’ April 2008 fil-preżenza tal-President ta’ Malta. Qabel induru dawra fil-kuriduri ta’ din l-iskola, se ngħatu ħarsa ħafifa lura lejn l-ewwel snin meta fir-raħal tagħna nibtet uffiċċjalment is-sistema edukattiva.

Sas-sena 1870, il-kultura tat-tfal Zebbuġin ma kelliex inkorporat fiha l-edukazzjoni skolastika u dan għal diversi raġunijiet. Ewlieni fostom huwa l-fatt li fir-raħal tagħna ma kienx hawn post permanenti biex wieħed imur jitgħallem l-iskola fih għajr f’każijiet eċċezzjonali, fejn dak li jkun kien ifittex xi qassis fir-raħal biex jitgħallem iħarbex ismu jew jgħodd in-numri. In-nuqqas ta’ trassport ukoll kien jagħmilha mpossibli li xi ħadd imidd riġlejh ta’ kuljum lil hinn mid-daħla tar-raħal. Raġuni oħra kienet li f’dawk iż-żminijiet, kontra dak li jaħsbu ħafna minna, kien hawn familji kbar li jħaddnu fihom saħansitra sa tmien membri jew aktar. U dan irid jitkejjel man-numru kbir ta’ tfal u anke ommijiet li kienu jmutu ta’ eta` żgħira ħafna kif jixhdu r-reġistri parrokkjali. Kienu ċirkostanzi normali li l-ħajja ta’ kuljum ma kienet xejn faċli, nieqsa mill-aktar affarijiet bażiċi biex wieħed ikun jista’ jgħix u ċertament ma tippermettix xi forma ta’ kumdita`. F’xenarji bħal dawn l-ulied l-kbar ta’ dawn il-familji kienu minn eta` bikrija jiġu mġiegħla jgħinu lill-ġenituri tagħhom fit-trobbija tal-familja billi jieħdu ħsieb il-bhejjem, jaħdmu r-raba jew jinżammu d-dar irabbu huma stess lil ħuthom iżgħar minnhom. Dan kien iċaħħad lil dawn it-tfal minn kull forma ta’ edukazjoni f’dan il-perjodu tant delikat b’konsegwenzi gravi fuq il-kumplament ta’ ħajjithom.

Jekk wieħed jifli bir-reqqa ċerta statistika li bdiet tinġabar snin wara l-1870, ninnotaw li ħafna minn dawn it-tfal illitterati wara li jiżżewġu kienu jagħmlu minn kollox biex uliedom ma jgħixux dik il-“miżerja ta’ faqar edukattiv” li huma intortament kienu trabbew fih. Minkejja dan kollu iżda, fir-raħal tagħna kellna ħafna Zebbuġin li għalkemm qatt ma kienu marru skola kienu ċittadini bieżla ħafna fl-għelieqi (imfittxija ġħal kull tip ta’ frott, bhejjem, bajd u ġobon), għorrief f’diversi snajja` (insiġ tan-newl, suf tan-nagħaġ u biżżilla) u Zebbuġin oħrajn li fuq bażi nazzjonali baqgħu mfaħħra għal ħila u l-kapaċita` immensa li kellhom fil-kostruzzjoni tal-bini (tkabbir u bini ta’ knejjes ġodda ma` munumenti oħrajn).

Matul il-perjodu tat-Tieni Gwerra li ġrat bejn l-1939 u l-1945, ħafna postijiet vojta fir-raħal ġew okkupati minn suldati u uffiċċjali oħra tal-militar u ninnotaw li ħafna dokumenti tal-gvern imħollija f’dawn il-postijiet ġew meqruda forsi biex tiġi skartata ukoll kull tip ta’ informazzjoni fuq individwi u jitħarsu ċerti identitajiet. Minn ħafna skejjel, li bosta minnhom kienu djar privati mikrija lill-gvern inkluż l-iskola tagħna, ġew maħruqa dokumenti li jixhdu l-ewwel avvenimenti u dati mportanti u dan jagħmilha mpossibli biex inkunu nafu d-data eżatta ta’ meta nfetħet l-ewwel skola tal-gvern fiż-Zebbuġ li jingħad li kienet fi Triq il-Knisja (ara ritratt 1) bin-numru 49, magħrufha bil-laqam ta’ “Gilbieni”. Fil-preżent din id-dar hija tal-werrieta ta’ Kostanzina Galea u ħadd fir-raħal m’għadu jiftakar xejn dwar din id-dar fi żmien li kienet skola. Fil-librerija nazzjonali nsibu informazzjoni dokumentata tad-Dipartiment tal-Edukazjoni li din l-iskola ġiet miftuħa fl-1887 li fl-opinjoni tagħna din hija data żbaljata. Jekk naraw l-eta` ta’ wieħed mill-ewwel tfal li tgħallmu hemmhekk, insibu li Mikiel Bugeja, wieħed mill-aktar nies għorrief li imbagħad gawdiet minnhu l-knisja tagħna, twieled fis-sena 1858 u sar saċerdot fl-1885 u allura d-data tal-ftuħ ta’ din l-iskola fl-1887 ma treġix u huwa għalhekk li din infetħet ħafna aktar qabel.

Is-Sur Pawlu Gatt mir-raħal tan-Nadur kien l-ewwel kap ta’ din l-iskola, u waħda mill-ewwel għalliema nisa f’din l-iskola kienet mara maltija bl-isem ta’ Sinjora Margarit Micallef li damet tgħallem sal-1904. Minħabba li din baqgħet tgħix fir-raħal, anke bħala pensjonanta, u kellha d-dar tagħha viċin sew tad-dar parrokkjali (kienet toqgħod fid-dar numru 60, Triq il-Knisja) dan għen biex hi ukoll tkun benefattriċi tal-knisja taż-Zebbuġ għaliex ħallset l-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju. Aktar tard din l-istatwa bdiet tintuża ukoll bħala l-Madonna tal-Għażżiel. L-ewwel purtinar f’din l-iskola kien Gużepp Dimech.

Waqt il-bini ta’ l-iskola l-ġdida taċ-Cnus, it-tfal tagħna kienu jmorru jitgħallmu fi tliet postijiet skond l-eta` tagħhom u ewlenija fosthom hija d-dar li għadha wieqfa bin-numru 65 fi Triq Dun Franġisk Vella u llum hija proprjeta privata tal-familja Vella. Din għenet biex kiber n-numru tat-tfal li bdew jitgħallmu jiktbu u jgħoddu u dan kien fattur li ħajjar ġenituri oħrajn biex jibdew huma ukoll jibagħtu lil uliedhom l-iskola. Kien għalhekk li mbgħad bdew jintużaw żewġt id-djar oħra biex jilqgħu fihom in-numru ta’ tfal li kompla jiżdied. B’hekk fiż-Zebbuġ il-Gvern issa kien kera tliet idjar u kienu miftuħin skejjel żgħar: dik tal-familja Vella (ritratt 2), oħra ftit passi l-isfel fl-istess triq bin-numru 77 (riratt 3) u illum ir-residenza privata tal-familja Tabone u oħra fi triq Għ’ Mhelhel bin-numru 4 (ritratt 4), illum id-dar tal-familja Camilleri.

Fis-snin ħamsin diversi ċirkustanzi, fostom pariri żbaljati lill-ġenituri fl-ippjanar tal-familja, wassal biex il-familji komplew jikbru b’mod mgħaġġel ħafna u għalhekk il-Gvernijiet tal-ġurnata imbarkaw fuq riforma edukattiva qawwija li kienet tinkludi l-bini ta’ diversi skejjel primarji ġodda, b’waħda minnhom tkun fiż-Zebbuġ. Kienet is-sena 1955 u ntgħażlet ix-xaqliba ta’ fuq tar-raħal, post imsejjaħ ‘iċ-Cnus’ peress li r-raba` kollu t’hemmhekk kien jitħallas ċens fuqu. Biex jibni din l-iskola ġdida tqabbad il-bennej Vitor Vella Dimech mir-raħal tagħna u dan il-post kien ħafna aktar spazjuż li kellu jiġbor fih l-istudenti kollha mill-ewwel sena sa meta jaslu għal livell sekondarju u b’hekk ma jibqgħux aktar imqassmin fi tliet postijiet. Barra minn hekk din kienet skola mgħammra bil-bżonnijiet sanitarji kollha li kienu jitolbu l-liġijiet ta’ dak inhar. Immedjatament wara t-tkomplija ta’ din l-iskola ġdida ġew żmantellati it-tliet skejjel l-oħra.

Għal dawk li qatt ma daħlu fl-“Iskola taċ-Cnus” din id-deskrizzjoni qasira turina kif inhi mqassma. Hekk kif tidħol fi Triq Sant Indrija ma tistax ma tilmaħhiex quddiem għajnejk u l-ewwel li tara hija xatba mdaqqsa (ritratt 27) li tintuża bħala d-daħla prinċipali tagħha. Madwar sentejn ilu xatba oħra imma ħafna iżgħar rat il-ftuħ tagħha maġenb l-oħra mis-surmast ta’ dak in-nhar is-Sur Joseph Rapa (ritratt 34). Din ta’ l-aħħar tlestiet apposta għal dawk li jkollom bżonn ikellmu lis-surmast waqt il-ħin ta’ l-iskola peress li dik prinċipali tingħalaq filgħodu mad-daqq tal-qampiena u terġa tinfetaħ biss ftit minuti qabel l-istudenti jispiċċaw l-iskola.

Fil-perjodu li s-Sur Rapa kien imexxi l-iskola, s-Soċjeta Filarmonika Santa Marija tar-raħal tagħna minn nhar il-Gimgħa 4 t'Ottubru 2002 bdiet kull sena iddendel Għażżiela fil-klassijiet tat-tfal kollha u fl-uffiċċji tal-iskola (ritratt 20). Mhux biss iżda l-istess Soċjeta nhar il-Gimgħa 27 ta’ Mejju 2005, poġġiet inkwadru bix-xbieha ta’ Santa Marija fl-istess klassijiet u kmamar tal-iskola (ritratti19,19a). Malli tixref mix-xatba ’il ġewwa tasal f’bitħa kbira (ritratti 29 u 30) li titgawda kuljum mit-tfal Zebbuġin matul il-ħin tar-rikrejazzjoni jew waqt il-lezzjoni tal-Edukazzjoni Fiżika. Dan l-aħħar dan il-grawnd qiegħed jitlesta ħalli ftit żmien ieħor parti minnu tiżżejjen bis-synthetic turf (ritratti 31,32,33,33a).

Dan il-grawnd huwa mdawwar bi tliet kuriduri twal u ġnien spazjuz imsebbaħ b’siġar kbar (riratti 39,40,42,43) uħud minnhom tal-frott u taż-żebbuġ li matul is-sena tieħu ħsiebhom il-ġardinara ta’ l-iskola. Fl-ewwel kuridur li jħares fil-Majjistral tal-gżira hemm diversi klassijiet fosthom: il-kamra tal-purtinari li parti minnha saret uffiċċju għal l-iskrivana (ritratt 21), l-uffiċċju tas-surmast (ritratti 24,25,26), u eżatt maġenbu l-monument ta’ Mons. Giovanni Andrea Vella (ritratt 7) li dwaru se nitkellmu aktar tard. Imbgħad jibdew l-klassijiet li fihom ta’ kuljum it-tfal tagħna jkollom it-tagħlim minn diversi għalliema. L-ewwel klassi tkun dik tal-Year 6, ħdejha Year 5 u Year 4. Il-klassi tal-Year 3 tintuża ukoll bħala Complimentary / Research Classroom (ritratti 22,23) u hija kompletament kompjuterizzata. Hemm imbgħad Year 2, Year 1, Kinder 2 u klassi oħra tal-Kinder 1. Ma nistgħux ma nsemmux il-ħall kbir ta’ din l-iskola (ritratt 16a,16b) fejn matul is-sena isiru fiha diversi attivitajiet fosthom il-Prize Day u l-Concert tal-Milied bil-parteċipazzjoni tat-tfal kollha ta’ din l-iskola. Ma` dan il-hall imiss foyer spazjuz li jintuża għal assembly line tat-tfal f’każ ta’ maltemp u jgħaqqad flimkien l-ewwel kuridur mat-tieni wieħed (ritratti 17,18).

Fit-tieni kuridur li jħares ġot-Tramuntana insibu ukoll xi klassijiet li ma jintużawx regolarment. Hemm klinika fejn kultant it-tfal ikollhom żjarat mit-tabib jew dentist. Kamra oħra hija użata bħala librerija (ritratt 37) fejn dawk li jħobbu jaqraw jistgħu jissellfu xi kotba. Hemm oħra li tintuża mill-ħajjata f’okkażjonijiet bħal żmien il-karnival biex jinħietu xi kostumi(ritratt 41), il-kamra tal-watchman tinsab f’dan il-kuridur ukoll ma` oħra li isservi ta’ mużew (ritratti 65,66,) u tiġbor fiha diversi kotba antiki u affarijiet marbutin ma’ l-istorja ta’ l-edukazzjoni fiż-Zebbuġ.


Fl-aħħar kuridur li jħares lejn l-Lvant għad hemm fuq barra is-sinkijiet oriġinali li fl-ewwel snin kienu jintużaw minna t-tfal biex naħslu t-tazzi tagħna wara li l-purtinari jkunu qassmulna il-ħalib (ritratti 44,45). Hall kbir ieħor viċin sew t’hemmhekk ġie mnaddaf u mibdul f’Multi Purpose Sports Hall, li infetaħ waqt ċerimonja speċjali fil-għodu nhar il-25 ta’ Frar 1999, mis-Surmast Anton Said (ritratti 10,12,13). B’tifkira ta’ dik l-okkażżjoni kienu tħawwlu numru ta’ siġar taż-żebbuġ minn persuni distinti fid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni u anke minn rappreżentanti tal-għaqdiet kollha fir-raħal (ritratt 11). Dawn is-siġar iħarsu għal fuq “Triq iċ-Cnus” fi Triq Sant Indrija (ritratti 47,61,62).



Maġenb l-iskola nsibu ukoll wieħed mill-isbaħ playing fields f’Għawdex li jħaddan veduti li jgħaxxquk (ritratti 49,50,51,52,53,54) u tmiss kważi miegħu, sewwasew fuq in-naħa ta’ wara ta’ l-iskola tagħna (ritratti 55,56,58,59), hemm Dar Stella Maris tas-Soċjeta Missjunarja ta’ San Pawl (ritratt 57). It-triq li twasslek għal din l-iskola kienu isejħula “Triq iċ-Cnus” (ritratti 63,64) iżda ħadet isimha “Sant Indrija” peress li eżatt fil-bidu tagħha kien hemm “Il-Kappella ta’ Sant Indija” waħda mill-bosta mxerrdin mar-raħal tagħna (ritratti 14,15).

Fl-1963 kien inkiteb l-ewwel innu ta’ din l-iskola mis-Sur Joe Vella minn Kerċem, dak in-nhar għalliem fl-istess skola, iżda l-versi tiegħu donnhom ma kienu jgħamlu l-ebda referenza għall-iskola u minflok kien kontinwament ifaħħar lir-raħal taż-Zebbuġ u s-sbuħija naturali tiegħu. Ftit tas-snin wara dan l-innu ma baqax jintuża u fl-ewwel ġranet tas-sena skolastika 1983- 84, sar innu ġdid u melodjuż lill-iskola tagħna fuq versi ta’ Julian Refalo Rapa (ritratt 16) illum saċerdot, u mużika tas-surmast Sunny Galea. Fis-sena 2000 bit-tħabbrik tal-Banda Santa Marija u kkummisjonat mill-Kunsill Lokali tagħna, l-innu tal-1963 sar l-Innu Uffiċċjali taż-Zebbuġ.

Għaddew 50 sena minn dan kollu u kull surmast għamel l-aħjar tiegħu biex din l-iskola tibqa` moderna u attrajenti għall-istudenti tiegħu. Biżżejjed ngħidu li fuq inizzjattiva tas-surmast preżenti s-Sur Mario Debono (ritratt 28), li ilu biss fostna ftit aktar minn sena, tbiddlet s-sistema kollha tad-dawl elettriku u tbiddlu t-twieqi u l-bibien kollha. Mingħajr ebda dubju li fil-kalendarju ta’ din l-iskola jibqgħu mnaqqxin almenu jekk xejn żewġ dati importanti. L-ewwel waħda tkun dik tas-6 ta’ April 1958 meta ġiet inawgurata uffiċjalment mill-Ministru tal-Edukazjoni ta’ dak inhar is-Sinjorina Agatha Barbara (ritratti 5,6).

Id-data l-oħra hija daqstant storika u mportanti għax tfakkarna fil-“magħmudija” tagħha. Hekk kif il-ġenituri jgħaddu ġranet sħaħ jiddiskutu bejniethom l-għażla ta’ l-isem għat-tarbija tagħhom, hekk ukoll ġara fis-sena 2001 bejn is-Surmast ta’ dak iż-żmien is-Sur Paul Cini u l-Kunsill Skolastiku (ritratt 35). Siegħat twal ta’ diskussjoni wassal biex nhar il-Gimgħa 15 ta’ Gunju 2001 l-iskola tagħna għexet ukoll dan il-“ferħ paternali” meta ngħatat l-isem ta “Skola Mons. Andrea Vella”. Kienet serata memorabbli fil-għaxija li fiha pparteċipat il-banda taż-Zebbuġ, Banda Santa Marija (ritratt 9) u nkixef monument ta’ tifkira li fuqu jiddomina l-bust ta’ l-istoriku u edukatur Zebbuġi Monsinjur Andrea Vella (ritratt 8). Għal din iċ-ċerimonja straordinarja kien mistieden il-poplu taż-Zebbuġ u diversi uffiċċjali mid-Dipartiment ta’ l-Edukazjoni. Preżenti kien hemm ħafna mistednin distinti fosthom il-Ministru għal-Għawdex l-Onor. Giovanna Debono u n-nepputija ta’ Mons. Andrea Vella is-sinjura Gużeppa Calleja.

Dan it-text żgur li mhux xi analiżi profonda dwar l-iskejjel taż-Zebbuġ imma biss gwida bażika dwar t-twelid uffiċċjali tas-sistema edukattiva li kibret u biddlet lil ħajjitna u l-mod ta’ kif ngħixu matul is-snin.

George J.Cefai
April 02, 2008

Kull Dritt Miżmum.