
Il-Kumitat għandu bħala surmast lis-Sur Joseph Grech, biex jieħu ħsieb id-direzzjoni mużikali tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija.
Is-surmast Grech twieled ir-Rabat Għawdex fl-1971 u beda jistudja l-mużika minn eta` żgħira. Ta' seba' snin beda jdoqq il-klarinett mas-Soċjetà Filarmonika Leone. Fl-1984, beda jitgħallem il-pjanu u t-Teorija tal-Mużika f'Malta taħt is-Sinjura Rossignaud u l-ewfonju taħt Paul Borg. Kompla jitgħallem taħt Laurence Borg u kien l-ewwel Għawdxi li akkwista d-diplomi A.L.C.M., L.L.C.M., F.L.C.M. fid-daqq ta' strument tar-Ram.
Grech kien jgħallem l-aljievi tas-Soċjetà Filarmonika Leone u kompla l-karriera tiegħu billi okkupa post ta' Assistant Direttur tas-Soċjetà Filarmonika Mnarja. Fl-1992, sar Surmast Direttur ta' l-istess soċjetà u fl-1995 kien ukoll l-ewwel Għawdxi li ggradwa b'Baċellerat ta' l-Arti bl-Unuri fil-Mużika. Fl-istess sena ukoll, beda jgħallem lill-aljievi u bandisti tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, fejn inħatar Surmast Direttur.
Fis-sena 2000, Mro. Joseph Grech iggradwa f'M. Phil - Music b'riċerka li ġġib l-isem ta' 19th century Music of the Gozo Cathedral. Fil-preżent Grech qed jgħallem il-mużika fl-iskola tal-mużika fis-Sannat u anke fis-Sixth Form t'Għawdex.
Mil-lat tekniku, is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija qed tgawdi mill-professjonalita` tas-surmast Grech, li bħala żgħażugħ, għandu entużjażmu biżżejjed biex ikompli jmexxi 'l quddiem dan il-proġett.
Omar Zerafa twieled f’tal-Pieta` Malta nhar id-29 ta’ Ġunju 1986 u wara li attenda l-iskola primarja Anton Buttiġieġ fil-Qala Għawdex, kompla b’dik Sekondarja fir-Rabat. Wara li temm b’suċċess l-edukazzjoni post sekondarja fejn għadda s-Sixth Form fl-iskola M.A. Refalo, fl-2003 beda kors tal-liġi (Bachelor of Laws) fl-Universita` ta’ Malta u bħalissa jinsab fit-tielet sena.
Omar kellu wkoll imħabba lejn il-mu]ika u minn eta żgħira ħafna studja it-tejorija u aktar tard il-prattika fuq l-Althorn ma` diversi għalliema professjonali. Fl-1996 ingħaqad mal-Banda Ite Ad Joseph tal-Qala Għawdex fejn hemmhekk kompla bl-istudju tiegħu mas-Surmast Michel Refalo. Ftit tas-snin wara fl-2003, is-Sur Zerafa wara aktar studju mas-Surmast Joseph Grech (Surmast tal-Banda Santa Marija, taż-Żebbuġ u tal-Banda Imnarja, tan-Nadur Għawdex) beda jdoqq mal-Gozo Youth Wind Orchestra. Omar Zerafa ilu jdoqq għal diversi snin mal-Banda Santa Marija taż-Żebbuġ u f’Ġunju 2006 ġie maħtur Assistent Surmast u għalliem ta’ l-istudenti ta’ l-istess Banda.
Il-lezzjonijiet tal-mużika mas-Sur Omar Zerafa huma kull nhar ta’ Sibt fil-għaxija bejn it-3.30pm u l-5.30pm fiċ-ċentru parrokkjali fil-pjazza taż-Żebbuġ.