
IL-ĠIMGĦA 5 T’AWWISSU
11.00a.m. Quddiesa u warajha tibda ġurnata Adorazzjoni bi tħejjija għall-Festa, li tintemm bil-Quddiesa tas-7.00p.m. Wara tindaqq Mota Solenni li tħabbar il-ftuħ tal-Festi.
IS-SIBT 6 T’AWWISSU: L-1 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM L-ABBATINI U L-GRUPP TAL-VOKAZZJONIJIET
Fl-10.00a.m. Attivita’ Vokazzjonali għall-Abbatini kollha u l-Grupp tal-Vokazzjonijiet u wara Pizza Party fiċ-Ċentru Parrokkjali. Fis-6.30p.m. Rużarju meditat, animat mill-Grupp tal-Vokazzjonijiet, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni, mmexxija mill-Arċ. il-Kan. D. Reuben Micallef, bl-Omelija mid-Djaknu Mark Bonello. Fl-istess Ċelebrazzjoni ssir il-Vestizzjoni ta’ 8 abbatini ġodda u t-tiġdid tal-wiegħdiet tal-Abbatini li diġa jagħtu s-servizz tagħhom.
IL-ĦADD 7 T’AWWISSU: IT-2 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM IS-SOĊJETÀ MISSJUNARJA TA’ SAN PAWL
Fil-għodu l-quddies ikun fil-5.00a.m., fis-6.00a.m., fis-7.00a.m., fit-8.00a.m., fl-10.00a.m., fil-11.00a.m. Fl-4.00p.m. Konċelebrazzjoni bl-omelija minn Fr. Louis Mallia Mssp. Saċerdot iben il-Parroċċa u Superjur Reġjonali tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl għal Malta u Għawdex, bis-sehem tal-membri u l-ħbieb tas-Soċjetà.
IT-TNEJN 8 T’AWWISSU: IT-3 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM IT-TFAL.
Fil-5.30p.m. Rużarju animat mit-Tfal, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-6.00p.m. Quddiesa tal-aħħar Erbgħa ta’ S. Marija mmexxija mis-Saċerdot Novell Dun Simon M. Cachia li għaliha huma mistiedna t-Tfal kollha tal-Parroċċa li huma mitluba jġibu magħhom xemgħa biex joffruha lil S. Marija. Il-ferta waqt il-Quddiesa ‘llum tmur b’risq il-‘Fundazzjoni Jason Azzopardi’, biex jiġu mgħejjuna tfal mill-Parroċċa li jkollhom bżonn ta’ kura medika speċjalizzata. Wara l-Quddiesa, fil-Pjazza ikun hemm fun-games għat-Tfal organizzatil-membri tas-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan is-Soċ. Filar S. Marija. Fl-aħħar tal-attivita’ t-Tfal kollha jingħataw ġelat.
IT-TLIETA 9 T’AWWISSU: IR-4 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM IL-ĠENEROŻITÀ
Matul din il-ġurnata tiġi ‘kkordinata kampanja ta’ għoti ta’ demm fil-Blood Donation Unit fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Fis-6.30p.m. Rużarju, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni minn Fr Joe Borg MSSP. Tieħu sehem l-Għaqda Qlub Ġenerużi taż-Żebbuġ. Waqt l-offertorju jingħataw offerti ta’ flus għad-Djar tal-Karità tad-Djoċesi ta’ Għawdex, lill-Uffiċċju Djoċesan tal-Caritas, miġbura matul is-sena mill-Għaqda Qlub Ġenerużi tal-Parroċċa.
8.00p.m. In Memoriam, Serata Kommemorattiva f’ġieħ Dun Anton Dimech organizzata mill-Kunsill Lokali Żebbuġ bil-kollaborazzjoni tal-Parroċċa, bis-sehem tal-Kor Santa Marija. Is-serata tkun taħt il-patroċinju tal-E.T. Mons Mario Grech, Isqof t’Għawdex.
L-ERBGĦA 10 T’AWWISSU: IL-5 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM IS-SAĊERDOZJU KATTOLIKU.
Fis-6.30p.m. Rużarju, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. F’Nofsinhar Ikla għas-Saċerdoti tal-Parroċċa fiċ-Ċentru Parrokkjali, ġentilment offruta minn Dun Ġorġ Vella. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr minn Dun Ġorġ Vella, fl-okkażjoni tal-50 Anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Janima l-Kant il-Kor ‘Santa Marija’, li jkun akkumpanjat mill-Orkestra tal-Parroċċa.
IL-ĦAMIS 11 T’AWWISSU: IS-6 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM L-PERSUNI B’DIŻABILITÀ.
Fis-6.00p.m. Rużarju, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-6.30p.m. Konċelebrazzjoni Solenni minn Mons Manwel Curmi Direttur ta’ Dar Arka, bis-sehem tal-Membri taċ-Ċentru Persuni b’diżabilità. Wara nkomplu naqsmu l-ferħ tagħna magħhom permezz ta’ Ikla flimkien ġentilment offruta mill-Bar taċ-Ċentru Parrokkjali.
Fit-8.30p.m. Serata ta’ divertiment għaż-Żgħażagħ u l-familji kollha fil-Pjazza l’Assunta organizzata mis-Sezzjoni Żgħażagħ tas-Soċ. Filar. Santa Marija.
IL-ĠIMGĦA 12 T’AWWISSU: IS-7 JUM TAL-KWINDIĊINA: JUM IL-KUNSILL LOKALI U L-GĦAQDIET KULTURALI, SOĊJALI U SPORTIVI U L-VOLUNTIERA KOLLHA. ĦRUG TAL-ISTATWA MINN NIĊĊA.
Fis-6.15p.m. Rużarju, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-6.45p.m. Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija minn Dun Ġużepp Vella li għaliha huma mistiedna il-membri tal-Kunsill Lokali, u l-membri tal-Għaqdiet Soċjali tal-Parroċċa: s-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, s-sotto-kumitati tan-Nisa u taż-Żgħażagħ, l-Għaqda tan-Nar, l-Għaqda tal-Armar, l-Għaqda tal-Qniepen, iż-Żebbuġ Rovers F.C., il-Grupp tan-Nisa li jieħdu ħsieb it-tindif tal-Knisja u l-voluntiera kollha li jgħinu fil-Parroċċa.
Fis-7.30p.m. Marċ mill-Banda ‘Viżitazzjoni’ tal-Għarb minn ħdejn il-Każin tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija fi Triq il-Knisja sal-Knisja Parrokkjali, fejn l-istess Banda takkumpanja l-ħruġ tal-Istatwa ta’ Santa Marija minn niċċa fost il-kant tal-innijiet reliġjużi. Wara l-istess Banda tkompli iddoqq Marċi brijużi fit-toroq ewlenin tar-raħal.
IS-SIBT 13 T’AWWISSU: IT-8 JUM TAL-KWINDIĊINA: JUM L-ISTUDENTI U L-ADOLOXXENTI
Fis-6.30p.m. Konċelebrazzjoni Solenni, mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t’Għawdex, li fiha jamministra s-Sagrament tal-Konfirmazzjoni lil grupp ta’ studenti mill-parroċċa. Jieħu sehem il-Kor Regina Angelorum.
IL-ĦADD 14 T’AWWISSU: JUM L-GĦID TAL-ASSUNTA. SOLENNITA’ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TA’ MARIJA. IT-TMINN JUM TAL-KWINDIĊINA : JUM IŻ-ŻGĦAŻAGĦ.
Fil-għodu l-quddies ikun fil-5.00a.m., fis-6.00a.m., fis-7.00a.m., fit-8.00a.m., fl-10.00a.m., u fl-4.00p.m.
Fil-11.00p.m. Quddiesa mmexxija minn Fr Mark Demanuele Mssp, Superjur ta’ Dar Stella Maris bis-sehem attiv taż-Żgħażagħ tal-Parroċċa. Il-Quddiesa tiġi animata minn Band u l-Kor White Roses tal-Parroċċa tagħna.
IT-TNEJN 15 T’AWWISSU: L-10 JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM IL-FAMILJA.
Filgħodu l-quddies ikun fil-5.00a.m., fis-6.00a.m., fis-7.00a.m., fit-8.00a.m. u fl-10.00a.m. Illum il-Quddiesa ta’ filgħaxija ma’ ssirx.
Fil-11.00a.m. Quddiesa mmexxija minn Dun Geoffrey G Attard, Vigarju koperatur, li fiha jieħdu sehem il-familji kollha b’mod speċjali l-koppji li din is-sena qegħdin jiċċelebraw l-10, il-25 u l-50 Anniversarju taż-Żwieġ tagħhom. Dawn il-koppji jġeddu l-Kunsens taż-Żwieġ tagħhom u jingħataw tifkira tal-okkażjoni.
IT-TLIETA 16 T’AWWISSU: IL-11-IL JUM TAL-KWINDIĊINA. JUM IL-MORDA U L-ANZJANI U JUM L-GĦAQDIET KATTOLIĊI.
Fil-5.00p.m. Konċelebrazzjoni mill-Arċip. Emeritus Mons. Onor. Luigi Vella akkumpanjat minn Dun Ġorġ Vella li fiha jiġi ammininistrat is-sagrament tad-Dilka tal-Morda lill-Anzjani u Morda mill-Parroċċa. Ikun hemm trasport organizzat għal dawk l-anzjani li m’għandhomx min iwassalhom il-Knisja. Wara jkun hemm refreshments fl-annexe tal-Knisja.
Fis-6.30p.m. Rużarju, Kurunella u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija mill-Kan. Kantur Dun Karm Cini, li fiha jieħdu sehem attiv il-membri tal-Għaqdiet reliġjużi (Leġjunarji, Membri tal-Azzjoni Kattolika, membri tal-Museum, dawk li jiltaqgħu għall-Lectio Divina, Katekisti).
Fit-8.30p.m. Ikla Tradizzjonali fil-Pjazza, bis-sehem ta’ Kantanti barranin u oħrajn Żebbuġin, gruppi taż-żfin u l-kantant popolari Freddie Portelli.
L-ERBGĦA 17 T’ AWWISSU: L-1 JUM TAT-TRIDU. JUM L-ANIMATURI TAL-LITURĠIJA: LETTURI, ANIMATURI, KANTURI U MEMBRI TAL-ORKESTRA
Fis-6.30p.m. Rużarju u Kurunella. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tal-Ewwel Jum tat-Tridu minn Mons Mikiel Mintoff bl-Omelija mill-Arċipriet il-Kan. Dr. Joe Zammit (Qala). Jieħdu sehem il-membri tal-Kor ta’ Santa Marija, il-Kor Regina Angelorum, l-membri tal-Orkestra tal-Parroċċa, il-gruppi tal-kitarri, kif ukoll l-animaturi tal-liturġija, l-letturi u l-ostjarji. Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Fit-8.30p.m. Programm Mużikali mis-Soċ. Filar. Santa Marija taż-Żebbuġ, fi Pjazza l-Assunta bis-sehem tal-mistieden speċjali Glenn Vella.
IL-ĦAMIS 18 T’AWWISSU: IT-2 JUM TAT-TRIDU. IL-31 ANNIVERSARJU TAL-INKURUNAZZJONI TAL-KWADRU TITULARI. JUM L-EMIGRANTI U ŻEBBUĠIN LI JGĦIXU BARRA MILL-PARROĊĊA
Fis-6.30p.m. Rużarju u Kurunella. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tat-Tieni Jum tat-Tridu mill-Kan. Dun Noel Saliba. L-Omelija ‘ssir minn mill-Arċipriet il-Kan. Dr. Joe Zammit. Jieħdu sehem l-Emigranti Żebbuġin li jkunu fostna għall-Festa ta’ Santa Marija u ż-Żebbuġin kollha li jgħixu fi rħula oħra. Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Wara bibita fis-Sagrestija.
Fit-8.30p.m. Barbeque Kbir, ma’ ġenb il-knisja, organizzat miż-Żebbuġ Rovers Football Club, animat minn diversi kantati ta’ fama nazzjonali.
IL-ĠIMGĦA 19 T’AWWISU: IT-3 JUM TAT-TRIDU. JJUM IL-BENEFATTURI ĦAJJIN U MEJTINA
Fis-6.30p.m. Rużarju u Kurunella. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni Solenni tat-Tielet Jum tat-Tridu mmexxija minn Mons Salv Tabone. L-Omelija ssir minn mill-Arċipriet il-Kan. Dr. Joe Zammit. Fid-9.30p.m. Dimostrazzjoni bl-istatwa ta’ Santa Marija ta’ barra akkumpanjata mill-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ u mill-Banda ‘Victory’ tax-Xagħra li jibda minn Triq il-Kaċċaturi u jgħaddi minn Triq Skapuċċina, Triq l-Għażżiela, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri għal Pjazza l-Assunta, fejn jindaqq l-Innu ta’ l-Inkurunazzjoni. Fil-11.45p.m. Waqt il-kant ta’ l-Innu Popolari lill-Assunta, l-istatwa ta’ Santa Marija tittella’ fuq il-pedestall fi Pjazza l-Assunta. F’12.00a.m. Programm oriġinali ta’ Logħob tan-Nar tal-Art.
IS-SIBT 20 T’AWWISSU: LEJLIET IL-FESTA.
Fis-7.30a.m. Quddiesa minn Dun Frankie Mallia, Saċerdot Żebbuġi li jservi f’Ruma fl-Italja, bil-Kant tat-Te Deum bħala ringrazzjament fl-għeluq tal-Kwindiċina.
Fis-2.00p.m. Tiġrijiet tal-bhejjem fi Triq iż-Żebbuġ organizzati mid-dilettanti taż-Żebbuġ bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ.
Fis-6.30p.m. Translazzjoni bir-Relikwija tal-Madonna u wara Konċelebrazzjoni Solenni mmexxija minn Mons. Lawrenz Sciberras. Wara tingħad il-Kurunella ta’ Santa Marija u Ċelebrazzjoni Ewkaristika.
Fid-9.00p.m. il-Banda Ċittadina ‘La Stella’ tal-Belt Victoria ttella’ programm mużikali fuq il-planċier fi Pjazza l-Assunta.
Fid-9.30p.m. Marċ mill-Banda ‘San Girgor’ ta’ Kerċem li jibda minn ħdejn il-Każin tal-Banda u jgħaddi minn Pjazza l-Assunta, Triq Għajn Mhelhel, Triq il-Madonna taċ-Ċiċri u jintemm fi Pjazza l-Assunta.
Fl-10.00p.m. ‘Sky Concert’ - spettaklu kbir ta’ logħob tan-Nar tal-Ajru bis-sistema Merlin, akkumpanjat bil-mużika, b’xogħol mit-tlett kmamar tan-nar mistiedna u ikkordinat mill-membri tal-Kamra tan-Nar ‘Lilly’ tal-Imqabba.
F’12.00a.m. Programm oriġinali ta’ Logħob tan-Nar tal-Art fi Pjazza l-Assunta.
IL-ĦADD 21 T’AWWISSU: JUM IL-FESTA TAL-ASSUNTA INKURUNATA. JUM IL-KOMUNITA’ PARROKKJALI
Fil-għodu l-quddies ikun fil-5.00a.m., fis-6.00a.m., fis-7.00a.m., fit-8.00a.m. u fil-11.00a.m.
Fid-8.45a.m l-Arċipriet il-Kan Dun Reuben Micallef jilqa lill-E.T. Mons Isqof Pawlu Cremona, Arċisqof Metropolita ta’ Malta. Issir viżta lil Ġesù Sagramentat u fid-9.00a.m. tibda l-Konċelebrazzjoni Pontifikali Solenni mmexxija mill-E.T. Mons Arċisqof Pawlu Cremona, flimkien ma’ rappreżentanza tal-Kapitlu Katidrali u mas-Saċerdoti tal-Parroċċa. Wara l-Vanġelu l-Arċisqof Cremona jwassal il-messaġġ tiegħu tal-okkażjoni.
Fil-11.30a.m. Marċ brijuż mat-toroq ewlenin tar-raħal.
Fil-5.00p.m. Konċelebrazzjoni mmexxija minn Fr Frankie Cini Mssp, saċerdot iben il-Parroċċa, u Direttur ta’ Dar San Ġużepp f’Santa Venera.
Fis-6.15p.m. It-Tieni Għasar bl-orkestra mmexxi minn Mons Arċipriet Dr Joseph Sultana (Għarb). Fis-7.00p.m. Ħruġ tal-Purċissjoni mmexxija minn Mons Arċipriet Dr Joseph Sultana. Il-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ, issellem lil Santa Marija bl-Innu ‘Alla Beata Vergine Maria Assunta in Cielo’, fuq versi ta’ Giuseppe Serafino Cutajar u mużika ta’ Mro. Willie Attard, bis-sehem tal-Baritonu Antoine Mercieca, t-Tenur Mario Portelli u l-Kor ‘Santa Marija’. Wara l-Banda ‘Santa Marija’ taż-Żebbuġ iddoqq l-Innu Popolari lill-Assunta u takkumpanja l-Purċissjoni b’Marċi u innijiet Reliġjużi. Waqt il-Purċissjoni tiġi reċitata it-talba tar-Rużarju. Fit-8.00p.m. Programm fi Pjazza l-Assunta mill-Banda Ċittadina ‘Leone’ tal-Belt Victoria. Wara dħul tal-Purċissjoni waqt il-kant tal-Innu Popolari lil-Verġni Assunta. Tingħata l-Barka Sagramentali u jsir il-bews tar-Relikwija.
L-ERBGĦA 24 T’AWWISSU: JUM TA’ RADD-IL ĦAJR.
Fil-għodu l-quddies ikun fil-5.00a.m, fis-6.00a.m, u fis-7.00a.m. Fis-6.30p.m. Rużarju u Ċelebrazzjoni Ewkaristika. Fis-7.00p.m. Konċelebrazzjoni ta’ Radd il-Ħajr immexxija mill-Arċipriet il-Kan. Dun Reuben Micallef, flimkien mas-Saċerdoti tal-Parroċċa. Wara jsir id-dħul tal-vara ta’ Santa Marija fin-Niċċa.
OPRI ĠODDA
- Sett ta’ 4 fjuretti tal-ganutell għall-Artal tar-Rużarju maħduma minn voluntiera Żebbuġin.
- Restawr ta’ 2 Appostli taċ-Ċena (1968) minn Giovann Cassar.
- Restawr tal-Bambin tal-Miled, (xogħol ta’ Agostino Camilleri) minn Mario u Ruben Camilleri Cauchi.
- Żieda ta’ vestwarju ġdid u tkomplija tar-rinnovament tal-vestwarju tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
- 2 Akkolti ġodda
- 6 Torċi ġodda.
- 6 Muzzetti ġodda għar-Reffiegħa tal-Istatwa.
- Ingwarniċjar tal-iskannelli tal-artali kollha tal-korsija u s-salib.
- Żewġ bnadar ġodda għal fuq il-bejt tal-Knisja.
OPRI ĠODDA MILL-GĦAQDA TAL-ARMAR ‘SANTA MARIJA’
- Tkomplija tas-Sett tal-Bandalori ġodda tal-Pjazza l-Assunta fuq disinn ta’ Joseph Cauchi meħjuta mill-membri tal-Għaqda u sfumar ta’ Josef Camilleri.
- Tkomplija tad-dekorazzjoni tal-Pedestalli l-ġodda ta’ Pjazza l-Assunta
- Lifter ġdid u Scissor Lift (maħdum mill-membri tal-Għaqda) għall-armar fit-toroq.
- Mains ġodda tad-dawl.
- Bidu ta’ restawr fuq l-Arkanġli tal-Pedestall il-Kbir (minn Michael Camilleri Camilleri Cauchi)
- Ksib tal-permessi meħtieġa għall-bini ta’ Maħżen ġdid għall-Armar fi Triq il-Kappillan D. Franġisk Vella.
NOTI ĠENERALI
- Fil-ġranet tat-Tridu, lejlet u nhar il-Festa tieħu sehem l-Orkestra tal-Parroċċa taż-Żebbuġ flimkien mal-Kor ‘Santa Marija’ tal-parroċċa, li tkun taħt id-direzzjoni tal-Mro. Ġużeppi Mallia.
- Il-Banda Santa Marija taż-Żebbuġ tkun taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Joseph Grech.
- Il-Korijiet ‘Santa Marija’ u ‘Regina Angelorum’ ikunu taħt id-direzzjoni tas-Sinjura Marija Cefai u tas-Sinjura Jacqueline Vella u jkunu akkumpanjati mill-Organista Franco Cefai.
- In-Nar fil-ġranet tal-Festa se jkun maħdum mill-‘Madonna tal-Virtu’ Fireworks Factory’ tal-Għarb, ‘Lilly Fireworks Factory’ tal-Imqabba, u ‘12th May Fireworks Factory’ ta’ Ħaż-Żebbuġ. Il-logħob tan-Nar kollu hu ‘kkordinat mill-Għaqda tan-Nar tar-raħal.
FIL-ĠRANET TAL-FESTA EJJA ISMA' L-KELMA T'ALLA, ERSAQ QERR U TQARBEN